Skip to main content

B’sogħba kbira nħabbru l-mewt tas-Sur Gordon Hewitt, volontier dedikat tad-Dar tal-Providenza. Il-funeral tiegħu se jsir mhar l-Erbgħa, 6 ta’ Jannar 2021 fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi fit-3.30pm. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Għal Gordon, id-Dar tal-Providenza kienet it-tieni dar tiegħu u kien iħobb jirreferi għaliha bħala “l-aktar post ferħan f’Malta fejn kulħadd jitbissem”. Gordon kien jagħti ħinu fid-Dar u kien jaħdem qrib ir-residenti b’impenn persistenti sakemm ippermettitlu saħtu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha.